PR Zjara Rabat Ghawdex
5 ta’ Jannar 2012
Il-Gvern jgħin lill-Kunsill Lokali tar-Rabat f’Għawdex iwettaq proġetti infrastrutturali importanti
Il-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex) għaddej b’numru ta’ proġetti importanti fosthom il-manutenzjoni fil-qasam tad-djar f’Taċ-Ċawla u t-titjib fl-aċċessibilita’ tal-Kunsill Lokali bil-ftuħ ta’ customer care fis-sular t’isfel tas-sede tal-Kunsill.
Dettalji dwar dawn il-proġetti u oħrajn li twettqu jew qed jitwettqu ingħataw waqt laqgħa li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said kellu mas-Sindku Samuel Azzopardi u mal-bqija tal-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex). Wara l-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari żar uħud mix-xogħlijiet u mill-proġetti imwettqa mill-Kunsill.
Fir-Rabat se jsiru tliet toroq bl-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq residenzjali imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali. Dawn huma Triq Wied Seqer, Triq Sagħtar, u pari minn Triq Ġanni Vassallo. Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li permezz ta’ din l-iskema, fil-gżejjer Maltin diġa tlestew 277 triq li 33 minnhom jinsabu f’lokalitajiet Għawdxin.
Is-Sindku tar-Rabat (Għawdex) Samuel Azzopardi spjega li fis-sentejn li għaddew, tkompla l-proġett ta’ Pjazza Sasn Ġorġ billi sar il-pavimentar u l-proġett tad-dawl. Issa ħarġet l-offerta għal funtana tal-bronż. Din tagħlaq f’nofs Jannar. Il-proġett kollu ġie jiswa qrib in-nofs miljun ewro.
Fir-Rabat kienu restawrati wkoll erba’ niċeċ storiċi. Dawn saru b’investiment ta’ madwar €16,000 bl-għajnuna tal-Iskema tar-Restawr ta’ Postijiet Storiċi Żgħar imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali. In-niċeċ restawrati huma dawk tal-Madonna ta’ Loretu fi Pjazza San Ġorġ, San Alwiġi Gonzaga fi Triq il-Karita’, San Ġorġ tal-Ħaġar, u Kristu Re’.
Fil-Qasam tad-Djar f’Taċ-Ċawla, qed isir proġett bil-kollaborazzjoni tal-Awtorita’ tad-Djar li jikkonsisti fi programm ta’ manutenzjoni tal-partijiet komuni fil-binjiet residenzjali. Qed isir ukoll tisbiħ tal-inħawi madwar il-binjiet bil-bini ta’ bankini ġodda. Inħarġu wkoll żewġ offerti fuq dan il-proġett u x-xogħol ta’ madwar il-binjiet issa wasal fl-aħħar fażi tiegħu.
Sadanittant il-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex), qed jaħdem fuq proġett ta’ uffiċċju tal-customer care. Dan se jkun jokkupa s-sular t’isfel tal-Banca Giuratale u ladarba jitlesta se jagħmel il-Kunsill Lokali u s-servizzi tiegħu aktar aċċessibbli għall-membri kollha tal-komunita’. Il-proġett hu wieħed minn dawk li qed isiru permezz tal-iskema għat-titjib fl-aċċessibilita’ li hi wkoll imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin lill-Kunsilli Lokali jwettqu proġetti infrastrutturali li jinkludu toroq ġodda u spazji pubbliċi għat-tgawdija ġenerali u għat-titjib tal-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti. Hu spjega kif fl-erba’ snin li għaddew il-Gvern żied l-allokazzjoni tal-Kunsilli Lokali bi 33 fil-mija. Hu stmat li bejniethom il-Kunsilli Lokali rċevew €160 miljun. Dan minbarra l-fatt li l-Kunsilli Lokali qed jirnexxielhom jakkwistaw miljuni ta’ ewro f’fondi mill-Unjoni Ewropea. B’din l-għajnuna finanzjarja kollha, il-maġġoranza assoluta tal-Kunsilli Lokali qed iwettqu proġetti importanti għall-ġid tal-komunitajiet u r-residenti tagħhom.





